Illum, 16 ta’ Ġunju 2010
Għeżież membri tal-moviment koperattiv,
Jekk hemm struttura li twaħħad flimkien kemm l-aspett tal-ekonomija tas-suq mal-aspett
soċjali u l-involviment indaqs tal-membri tagħha, din hija l-koperattiva.
F’pajjiżna għandna ftit inqas minn 60 koperattiva. Uħud ilhom għexieren ta’ snin,
waqt li oħrajn huma ferm reċenti. Bejniethom għandhom iktar minn 5,100 membru u
li fl-2008 iġġeneraw madwar €77 miljun. Dan juri li dan is-settur
huwa importanti wisq f’dan il-pajjiż, kemm fuq l-aspett soċjali u ekonomiku, u
li dan iġib miegħu r-responsabilita tal-Gvern li jwieżnu, jsostnih u jsaħħu.
Ftit xhur ilu l-Gvern ikkummissjona rapport dwar il-qagħda tal-koperattivi
f’Malta. Dan tħejja minn Kummissjoni għat-Tisħiħ tal-Koperattivi, liema
Kummissjoni kienet immexxija mill-Prof Edward Zammit. Dan ir-rapport fih analiżi
dettaljata tas-sitwazzjoni preżenti ta’ dan is-settur għad li l-Gvern qed jagħmilha ċara li mhux qed iħossu marbut b’ebda rakkomandazzjoni jew konklużjoni f’dan l-istadju, qabel ma tkun konkluża l-konsultazzjoni pubblika’
Nemmen li issa wasal iż-żmien li dan ir-rapport isir pubbliku u li nistiednu l-kummenti
tal-pubbliku, speċjalment ta’ dawk kollha li huma viċin dan is-settur.
Għalhekk inħeġġek taqra r-rapport billi taċċessa l-link t’hawn taħt, u tagħti l-kontribut
tiegħek permezz tal-email:
konsulta.kop@gov.mt
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jagħlaq fl-1 ta’ Settembru 2010.
Inselli għalikom
Jason Azzopardi
Segretarju Parlamentari
Negozji Żgħar u Artijiet
Rapport Lill-Ministru għall-Politika Soċjali mill-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-Koperattivi - Malta, Ottubru, 2009