STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL: B’DIFFERENZA TA’ PAJJIŻI OĦRA EWROPEJ, F’MALTA L-PAGI BAQGĦU B’SAĦĦITHOM

Reference Number: PR202404, Press Release Issue Date: Nov 27, 2020
 
Fis-sena fejn l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet impatt negattiv fl-ekonomija u fuq il-pagi tal-ħaddiema Ewropej, f’Malta il-pagi baqgħu b’saħħithom. Dan skont l-aħħar rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
 
Il-pandemija ħalliet impatt negattiv f’setturi bħat-turiżmu u r-retail minħabba r-restrizzjonijiet introdotti relatati mal-Covid-19, iżda d-diversità fl-ekonomija Maltija għenet biex dan l-impatt jittaffa. 

Oqsma varji bħas-servizzi finanzjarji, professjonali u l-kostruzzjoni kienu importanti biex l-impatt fuq l-ekonomija jitnaqqas.
 
Il-klima ekonomika ta’ pajjiżi oħra rriżultat f’negozji li fallew b’rati għolja, pagi tal-ħaddiema jinzlu u l-qgħad jisplodi, filwaqt li f’Malta l-paga u l-impjiegi baqgħu stabbli. 

Dan fl-isfond li n-negozji Maltin u Għawdxin baqgħu joperaw, minkejja li raw tnaqqis fil-profitti tagħhom b’konsegwenza tat-tnaqqis naturali fid-domanda minħabba l-pandemija.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “L-istatistika maħruġa llum mill-NSO turi li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-pagi f’Malta baqgħu stabbli filwaqt li fl-Ewropa rajna tnaqqis sostanzjali. Dawn il-figuri huma ċertifikat lill-gvern li l-pakketti ta’ għajnuna mħabbra matul dawn l-aħħar xhur, speċjalment is-supplement tal-paga tal-Covid-19, qed iħallu l-frott tagħhom u qed jiksbu l-miri mixtieqa.”