STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL: ĊERTIFIKAT IEĦOR POŻITTIV GĦALL-MIŻURI EKONOMIĊI TAL-GVERN

Reference Number: PR202423, Press Release Issue Date: Nov 30, 2020
 
​ 
  • ​​​​​​​​​Il-qgħad f’pajjiżna jibqa’ wieħed stabbli f’ekonomija b’saħħitha
  • Fost l-inqas rati ta’ qgħad fl-Ewropa
  • “Il-miżuri qed jaħdmu u n-nies mhux jitilfu l-impjiegi tagħhom” – il-Ministru Caruana


Il-miżuri ekonomiċi introdotti mill-Gvern f’dawn l-aħħar xhur irċevew ċertifikat pożittiv ieħor hekk kif għall-ħames xahar konsekuttiv, għall-kuntrarju ta’ ħafna pajjiżi Ewropej, il-qgħad f’pajjiżna baqa’ wieħed stabbli. 

Dan joħroġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta iktar kmieni llum. 

Ir-rapport juri kif ir-rata ta’ nies qiegħda fix-xahar ta’ Ottubru 2020 baqgħet f’livell baxx. Din ir-rata kienet taħt l-4%, li hija fost l-inqas rati ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Din ir-rata hija wkoll ferm anqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea, dik ta’ 7.5% u dik taż-Żona Ewro b’rata ta’ 8.3%. 

Filwaqt li f’diversi pajjiżi madwar id-dinja l-qgħad qed ikompli tiela’ ‘l fuq, pajjiżna rnexxielu jkun fost l-aqwa pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-preservazzjoni tal-impjiegi fis-suq tax-xogħol.

Il-miżuri li daħħal il-Gvern fix-xhur li għaddew bħall-‘COVID-19 Wage Supplement’, id-differiment tal-ħlas tat-taxxi, ir-rifużjoni tal-kontijiet tal-elettriku, u l-grant għal spejjeż tal-kera, fost oħrajn, kienu strumentali sabiex jissalvagwardjaw l-impjiegi u jipproteġu d-dħul minnhom.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li, “Il-miżuri li l-Gvern daħħal f’dawn l-aħħar xhur qed jaħdmu u qed iżommu lin-nies fl-impjiegi tagħhom. In-negozji jafu li l-Gvern kommess li jissalvagwardja xogħolhom u x-xogħol tal-ħaddiema tagħhom”.