STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL: MALTA TIBQA’ BL-INQAS RATA TA’ QGĦAD FIŻ-ŻONA EWRO

Reference Number: PR202448, Press Release Issue Date: Dec 02, 2020
 
Għall-ħames xahar konsekuttiv, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha fiż-Żona Ewro. Dan ġie kkonfermat fl-aħħar rapport maħruġ mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea l-Eurostat. 

Ir-rapport juri kif il-qgħad f’pajjiżna huwa wieħed stabbli, hekk kif ir-rata ta’ qgħad għax-xahar ta’ Ottubru baqgħet bħal ma kienet fix-xahar ta’ qabel, dik ta’ 3.9 fil-mija.

Din ir-rata tikkuntrasta mar-rata medja tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro, dik ta’ 8.4 fil-mija, li tfisser iktar mid-doppju tar-rata ta’ Malta.

Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hija wkoll ferm anqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea, dik ta’ 7.6 fil-mija. Dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw is-suċċess li qed ikollu pajjiżna fil-ġlieda kontra l-qgħad anke waqt il-pandemija. Filwaqt li madwar id-dinja l-qgħad qed ikompli jitla’ ’l fuq, f’pajjiżna l-impjiegi baqgħu b’saħħithom. 

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Dawn ir-riżultati pożittivi li qed ikollu pajjiżna jkomplu jikkonfermaw l-għaqal fit-tmexxija ta’ dan il-gvern anke f’dan iż-żmien diffiċli. Id-diversi miżuri li ħabbarna matul ix-xhur tal-pandemija kienu strumentali sabiex in-negozji jibqgħu joperaw u fl-istess waqt jissalvagwardjaw l-impjiegi u d-dħul tal-familji.”