IL-MINISTRU CLYDE CARUANA JIFRAĦ LID-DWANA TA’ MALTA GĦALL-AKBAR QABDA TA’ DROGA F’PAJJIŻNA

Reference Number: PR202532, Press Release Issue Date: Dec 10, 2020
 
 
Fi żjara ġewwa l-Port Ħieles, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana faħħar u rringrazzja lill-uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta għax-xogħol siewi li qed jagħmlu, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ qbid ta’ kummerċ illegali. 

Dan wara li tard ilbieraħ filgħaxija l-uffiċjali tad-Dwana stazzjonati ġewwa l-Port Ħieles mexxew b’suċċess operazzjoni li fiha rnexxielhom jinterċettaw qabda rekord ta’ droga li daħlet f’pajjiżna waqt li kienet fi triqtha lejn il-Libja.


pr202532a.png 
 

Waqt din l-operazzjoni, instabu 510 pakketti ta’ droga b’total ta’ 612-il kilo, li l-valur tagħha jammonta għal €69 miljun. Dan l-ammont normalment jinqabad f’sena sħiħa.


pr202532b.png 
  

Il-Ministru Caruana qal, “L-investiment kbir li qed isir ġewwa d-Dwana ta’ Malta qed iwassal biex jinkisbu dawn ir-riżultati. Matul dawn l-aħħar snin, il-gvern investa madwar €20 miljun f’tagħmir ġdid li huwa essenzjali f’operazzjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, irridu wkoll napprezzaw il-ħidma kbira li qed issir mill-ħaddiema li ta’ kuljum jagħmlu dan ix-xogħol b’tant reqqa.”


pr202532c.png 
  

Il-Ministru Caruana sostna li lbieraħ pajjiżna bagħat messagg b’saħħtu li fejn tidħol governanza u serjetà fil-qasam tax-xogħol, dan il-gvern kommess li jibqa’ jġib l-aħjar riżultati. Huwa saħaq li pajjiżna jrid ikompli juri dan kollu fl-oqsma l-oħra kollha.


pr202532d.png 
 
 
Matul dawn l-aħħar ħdax-il xahar, dan il-gvern wera biċ-ċar l-impenn sħiħ tiegħu fil- governanza tajba, rule of law u dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ amministrazzjoni tajba.


Ritratti: DOI, MFE