INVESTIMENT TA’ ’L FUQ MINN €30 MILJUN ADDIZZJONALI FL-EDUKAZZJONI

Reference Number: PR202587, Press Release Issue Date: Dec 15, 2020
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dwar l-investiment kbir li għamel dan il-gvern fl-edukazzjoni għal din is-sena skolastika. 

PR202587e.png 
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-pandemija tal-Covid-19 matul l-aħħar xhur ġabet magħha sfidi kbar fosthom dik tal-ftuħ tal-iskejjel. Huwa qal, “Għal din is-sena, fuq sena skolastika waħda, il-gvern nefaq ’il fuq minn €30 miljun addizzjonali sabiex ikun possibbli li t-tfal tagħna jieħdu l-aħjar edukazzjoni bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa. Dan l-investiment kien importanti ferm għaliex bih qed inħarsu l-futur tat-tfal tagħna”.
 
Il-Ministru Caruana qal li matul ix-xhur tas-sajf, dan il-gvern indirizza ċertu tħassib li kien hemm, fosthom mill-unions tal-għalliema dwar il-ftuħ tas-sena skolastika għal din is-sena. Illum, il-gvern, għall-kuntrarju ta’ ċerti pajjiżi oħra, mhux talli ma għalaqx l-iskejjel, talli qed naraw li d-deċiżjonijiet li ħa taw ir-riżultati mixtieqa. 

 PR202587a.png
 
Il-Ministru Caruana spjega li dawn it-€30 miljun addizzjonali ntefqu primarjament biex tiżdied l-aċċessibbiltà fit-trasport, tiżdied is-superviżjoni u l-investiment fit-tagħmir kollu neċessarju biex l-iskejjel jippreparaw għar-realtà l-ġdida tal-pandemija. Barra l-iskejjel tal-Istat, minn dawn il-flus gawdew ukoll l-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti. 
 
Il-Ministru Caruana qal li matul il-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jispjega b’mod tanġibbli kif qed tissarraf l-għajnuna kollha li ta l-gvern fl-aħħar baġit u fil-pakketti finanzjarji li ġew preżentati matul ix-xhur tal-pandemija.

 PR202587b.png
 
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tat rendikont ta’ x’sar biex mal-għeluq tal-iskejjel f’Marzu minħabba l-pandemija, bdiet ħidma mal-ewwel biex fil-mument opportun jerġgħu jinfetħu l-iskejjel, kif fil-fatt infetħu fil-bidu ta’ Ottubru li għadda.
 
Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li l-ministeru kien proattiv mill-bidu nett fiċ-ċirkustanzi straordinarji li ġabet magħha l-imxija tal-COVID-19. Bdew mal-ewwel laqgħat fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, fosthom mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u mal-awtoritajiet tas-saħħa Maltin. 
Twaqqaf working group bl-istakeholders ewlenin, responsabbli mit-tkomplija tat-tagħlim waqt l-għeluq tal-iskejjel magħmul minn uffiċjali fil-ministeru u rappreżentanti mit-tliet setturi: l-Istat, il-Knisja u l-iskejjel indipendenti flimkien mal-Malta Union of Teachers (MUT).

PR202587c.png 
 
Il-prijorità kienet li filwaqt li titkompla l-edukazzjoni tal-istudenti, issir ħidma biex l-istudenti jerġgħu jirritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola. Għalhekk ġie żviluppat qafas ta’ 5 xenarji possibbli b’rabta mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel. 
 
Infetħu mill-ġdid iċ-childcare centres, infetħu mill-ġdid l-iskejjel u l-attivitajiet tas-sajf, saru l-eżamijiet tal-MATSEC, fetħu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi li baqgħu miftuħin sal-lum, ħarġet sejħa għall-irrekordjar tal-lezzjonijiet u twaqqfet skola primarja virtwali għal studenti vulnerabbli fost l-oħrajn.

 PR202587d.png

 Il-Ministru Caruana fakkret li tnieda wkoll sit fuq l-internet b’xejn - teleskola.com.mt b’riżorsi ta’ tagħlim online u llum dan is-sit qed ikun aġġornat kuljum b’għadd ta’ lezzjonijiet online li qed isiru minn edukaturi f’diversi suġġetti. Sal-lum hemm 3,000 lezzjoni onlajn f’dan is-sit.
 
Dan ix-xogħol kollu sar u huwa prova ċara tal-impenn tal-gvern biex l-edukazzjoni tat-tfal u tal-istudenti tkompli timxi ’l quddiem. In-nefqa li saret u li se tibqa’ ssir sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej, meta terġa’ tintemm is-sena skolastika, hija wkoll prova ta’ kemm il-gvern ħa u qed jieħu bis-serjetà s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, tal-edukaturi u tal-ħaddiema kollha fl-iskejjel.