DBRS TIKKONFERMA R-RATING TA’ PAJJIŻNA BĦALA A (HIGH)

Reference Number: PR210041 , Press Release Issue Date: Jan 09, 2021
 
L-agenzija DBRS Morningstar ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala A (high) bi prospetti stabbli. Fl-analiżi tagħhom l-esperti barranin isostnu li minkejja l-impatt tal-COVID-19 fuq l-ekonomija lokali, kif ukoll l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ restrizzjonijiet qawwija madwar l-Ewropa, u għaldaqstant l-impatt fuq d-domanda esterna, il-prospetti għal pajjiżna ma marrux għall-agħar. 
 
Raġuni ewlenija kien l-intervent tal-gvern, liema intervent huwa sostennibli minħabba l-fatt li pajjiżna ntlaqat mill-pandemija wara “a prolonged period of strong economic and fiscal performance”. Dan ipprovda riżorsi finanzjarji li l-gvern seta’ juża biex jilqa’ għall-impatt tal-pandemija.
 
Ir-rapport tad-DBRS jinnota kif is-suq tax-xogħol f’pajjiżna wera reżiljenza kbira, tant li r-rata ta’ qgħad baqgħet “broadly in line with pre-pandemic levels”. F’dan il-kuntest jintqal li l-iskema tas-suppliment tal-pagi kellha rwol importanti ferm għal dan ir-riżultat.
 
Element importanti ieħor kien id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Maltija. Skont l-esperti tad-DBRS dan joħroġ mill-fatt li mentri setturi dipendenti fuq it-turiżmu raw daqqa qawwija, “sectors such as information and communication (+9.9% y-o-y), arts and entertainment (+7.0% y-o-y), and financial and insurance activities (+3.9% y-o-y) have managed to grow over this period”.
 
Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, ir-rapport tad-DBRS jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet internazzjonali jafdaw fi tmexxija għaqlija ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt ir-rapport isemmi “the fiscal prudence exhibited by Malta in the past” kif ukoll “the prudent management of the revenue”. Filwaqt li jirrimarka fuq il-kobor tal-impenn fiskali tal-Gvern Malti, jingħad ukoll li r-rata tad-dejn pubbliku hija moderata, u dan wassal biex l-għajnuna li qed jagħti l-gvern qed tingħata “without jeopardising debt sustainability”. 
 
Fl-aħħar nett, l-esperti barranin jirrikonoxxu l-istabilità tas-settur finanzjarju f’pajjiżna li baqa’ reżiljenti għall-impatt tal-pandemija. Barra minn hekk ir-rapport jgħid li “the Maltese authorities implemented a series of ambitious reforms on this front and strengthened the human and financial resources of the financial services authorities which resulted in a significant pick-up in terms of inspections and enforcement actions taken last year”. Dan filwaqt li laqgħu r-riformi leġiżlattivi mwettqa mill-amministrazzjoni l-ġdida.  
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana innota b’sodisfazzjon il-konferma tal-klassifikazzjoni A (high) ta’ pajjiżna u kif ukoll il-konferma li l-gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela injetta impetu ġdid għar-riformi finanzjarji u ġudizzjarji li qed jitwettqu f’pajjżna. Il-Ministru Caruana qal li l-gvern se jkompli jimplimenta l-bidliet meħtieġa biex isaħħaħ l-oqfsa finanzjarji u ekonomiċi ta’ pajjiżna u se ikompli jibni fuq ir-riformi ġudizzjarji li diġà nbdew.