IL-MINISTRU CARUANA JŻUR IL-BORŻA TA’ MALTA

Reference Number: PR210062, Press Release Issue Date: Jan 12, 2021
 
Il-gvern se jibqa’ jaħdem biex jibqa’ jagħti serħan il-moħħ lill-investituri


Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana żar il-Borża ta’ Malta fejn spjega l-ħidma importanti li saret u li qed issir sabiex jiġu ssalvagwardjati s-swieq kapitali fiż-żmien tal-pandemija. Il-Ministru Caruana qal, “L-ekonomija mhix magħmula biss mill-konsum tan-nies iżda hija magħmula wkoll mis-swieq kapitali. Ir-riperkussjonijiet li l-ekonomija jkollha jekk ma niħdux ħsieb is-swieq kapitali huma bil-wisq akbar minn dawk ta’ riċessjoni”. 


pr210062a.png


Il-Ministru Caruana faħħar il-ħidma kbira li saret fil-Borża ta’ Malta b’mod speċjali matul l-aħħar sena li kienet ikkaratterizzata minn pandemija li ħolqot sfidi kbar għall-kumpaniji. Din l-entità ħadmet bis-sħiħ sabiex issegwi mill-viċin ir-rekwiżiti li għandhom bżonn il-kumpaniji li huma kwotati fuq il-Borża ta’ Malta sabiex jibqgħu jonoraw l-obbligi tagħhom.


pr210062b.png


Il-Ministru Caruana enfasizza l-importanza li din il-ħidma għandha tibqa’ għaddejja anke matul ix-xhur li ġejjin. Huwa qal li l-agħar ħaġa li pajjiż jista’ jiġrilu f’dan ir-rigward hija li jitnissel sens ta’ biża’ fis-swieq finanzjarji għaliex dan iwassal għal impatt negattiv ħafna fuq l-ekonomija. 


pr210062c.png


Il-Ministru Caruana qal li l-gvern, permezz ta’ din l-entità, se jibqa’ jaħdem u jsegwi mill-viċin dak kollu li qed jiġri sabiex jibqa’ jagħti serħan il-moħħ lill-investituri Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-Borża ta’ Malta Joseph Portelli qal li matul l-aħħar snin l-entità ħadmet fuq xejn inqas minn 70 proġett jew inizjattiva li b’sodisfazzjon twettqu kollha. Dan fl-istess waqt li l-entità naqqset l-ispejjeż operattivi tagħha. Is-Sur Portelli semma li matul l-aħħar ħames snin il-Borża ta’ Malta għaddiet lura lill-Gvern ta’ Malta f’kemm jammontaw €18-il miljun bejn taxxi u dividendi.