STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ISPORT, IR-RIKREAZZJONI U L-GĦAQDIET VOLONTARJI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ISPORT, IR-RIKREAZZJONI U L-GĦAQDIET VOLONTARJI

Reference Number: PR210132, Press Release Issue Date: Jan 22, 2021
 
Gvern għan-Nies – il-Ministru Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima jżuru Fondazzjoni St Jeanne Antide f’Ħal Tarxien
 
Investiment dirett ieħor ta’ €1.1 miljun lill-għaqdiet volontarji
 
Fi żjara f’Fondazzjoni St Jeanne Antide, il-Ministru Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima ħabbru li l-għaqdiet volontarji reġistrati f’Malta u f’Għawdex se jerġgħu jgawdu minn allokazzjoni oħra ta’ €1.1 miljun bħala parti mill-iskema ta’ Assistenza Operattiva għall-Għaqdiet Volontarji matul ix-xhur tal-pandemija. 
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Il-gvern huwa rikonoxxenti lejn ix-xogħol kbir li l-għaqdiet volontarji jagħmlu fis-soċjetà tagħna sabiex jgħinu mijiet ta’ familji u individwi li verament ikunu fil-bżonn. Għaldaqstant, illum, qed nestendu l-għajnuna finanzjarja tagħna b’€1.1 miljun sabiex inkomplu nagħtu l-kuraġġ lil dawn l-għaqdiet biex jibqgħu joperaw matul ix-xhur li ġejjin”.
 

pr210132d.png 
 
 
Il-Ministru Caruana sostna li l-gvern huwa konxju li l-pandemija laqtet b’mod ħażin ħafna d-dħul ta’ dawn l-għaqdiet li ħafna drabi huma dipendenti fuq id-donazzjonijiet tal-pubbliku u tas-settur privat. Fl-istess waqt, huwa importanti ferm li s-servizzi li dawn l-għaqdiet jagħtu ma jonqsux minħabba n-nuqqas ta’ għajnuna finanzjarja. B’hekk il-gvern qed jerġa’ jintervjeni u qed iżid l-għajnuna finanzjarja lil dan is-settur mal-għajnuna ta’ €3 miljun li diġà tħabbret ftit tax-xhur ilu bħala parti mill-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. 

Il-Ministru Caruana qal li l-gvern se jibqa’ jagħti s-sostenn tiegħu anke f’dan il-qasam. 


pr210132b.png 

 
I​s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li dan l-investiment qed jikkumplimenta l-akbar investiment dirett li qatt sar fis-settur tal-volontarjat f’Ġunju 2020 li kien jammonta għal €3 miljun u li salva ’l fuq minn 900 impjieg. Spjega li 140 għaqda volontarja bbenefikaw minn din l-iskema li għenithom sabiex ikomplu bis-servizz tagħhom u jegħlbu l-isfidi li qed jaffaċċjaw f’dawn iż-żminijiet.
 
“Dan il-fond b’somma globali ta’ €4.1 miljun qed ikompli jassigura l-eżistenza ta’ dawn l-għaqdiet u jagħti nifs ta’ ħajja lil dawn l-għaqdiet li jaghmlu xogħol imprezzabbli. Xogħol li ġie affettwat negattiv li llimita kif joperaw u jiġġeneraw id-dħul tagħhom l-għaqdiet. Id-dmir tal-gvern huwa li l-isfidi li jaffaċċjaw dawn l-għaqdiet, jibdilhom f’opportunitajiet”, temm jgħid is-segretarju parlamentari.


pr210132c.png

 
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat Mauro Pace Parascandalo qal li kif matul il-pandemija bosta mill-attività kellha tieqaf,  is-settur tal-volontarjat xorta kompla bil-ħidma tiegħu speċjalment fl-oqsma ta’ servizzi u ta’ sapport fis-soċjetà. Qal li permezz ta’ dawn il-fondi s-settur seta’ jkompli fil-ħidma tiegħu, kemm volontarju kif ukoll b’impjegati professjonisti fil-komunità.
 
Nora Macelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide, spjegat li permezz ta’ din l-iskema, il-fondazzjoni, matul il-pandemija, setgħet tkompli toffri s-servizzi tagħha fil-komunità bla waqfien u mingħajr ma jintilef l-ebda impjieg. Tkellmet dwar id-diversi servizzi li din il-fondazzjoni toffri fosthom servizz ta’ xogħol soċjali u għajnuna lill-familji fil-bżonn.

pr210132a.png 
 
  
Dan il-fond se jkun amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat u l-għaqdiet volontarji se jkunu jistgħu japplikaw għal dan il-fond permezz tal-VO Funding Portal.
 

Ritratti (DOI/MFE/MISW_PS)