STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR210168, Press Release Issue Date: Jan 27, 2021
 

​Il-Ministru Caruana jniedi proċess ta’ konsultazzjoni u riċerka sabiex pajjiżna jkollu politika tax-xogħol ġdida għas-snin li ġejjin

“Matul dawn l-aħħar seba’ snin, pajjiżna kiseb diversi suċċessi fil-qasam tax-xogħol. Dan l-istess suċċess ġab miegħu diversi sfidi ġodda li dan il-gvern qiegħed jirrikonoxxi. Għaldaqstant, illum qed inniedu proċess ta’ konsultazzjoni u riċerka sabiex fix-xhur li ġejjin pajjiżna jkollu politika tax-xogħol ġdida li tħares lejn is-seba’ snin li ġejjin sabiex dawn l-isfidi nindirizzawhom”, saħaq il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt business breakfast bit-tema The Labour Market – Looking Back and The Road Ahead. 


pr210168a.png


Il-Ministru Caruana qal li l-miżuri li daħlu fis-seħħ matul l-aħħar snin kienu importanti sabiex pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Fost id-diversi suċċessi, il-Ministru Caruana spjega kif dan il-gvern irnexxielu jnaqqas l-ammont ta’ nies li kienu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali b’iktar minn nofs, filwaqt li rnexxielu jniżżel l-ammont ta’ nies li jirreġistraw għax-xogħol b’mod konsiderevoli. Iddaħħlu diversi miżuri bħall-introduzzjoni taċ-childcare centres b’xejn li għenu sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol kif ukoll miżuri maħsuba sabiex tiżdied l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità.


pr210168e.png


Il-Ministru Caruana qal li għas-snin li ġejjin dan il-gvern se jkun qed jindirizza l-isfidi li kienu inevitabbli wara t-tkabbir ekonomiku li pajjiżna esperjenza matul l-aħħar snin. 


pr210168b.png


pr210168c.png


Qal ukoll li f’pajjiżna nħolqu eluf ta’ mpjiegi kemm għal ħaddiema Maltin kif ukoll dawk barranin u dan ġab miegħu diversi sfidi bħal dawk relatati mal-infrastruttura tal-pajjiż kif ukoll sfidi oħra minħabba li s-suq tax-xogħol kiber b’diversi ritmi f’diversi oqsma. Barra minn hekk, pajjiżna għad għandu wkoll rata baxxa ta’ nies fis-suq tax-xogħol b’ħiliet baxxi. Il-Ministru Caruana qal li pajjiżna ma jistax ikollu tkabbir ekonomiku b’saħħtu u livell ta’ għixien aħjar mingħajr ma jindirizza dawn l-isfidi. 


pr210168d.png


Il-ministru qal li filwaqt li l-gvern qed jirrikonoxxi dawn l-isfidi, qed iħares ‘il quddiem b’ottimiżmu. B’hekk se jkun qed jiġi mniedi proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ ħafna ma’ ‘l fuq minn 200 entità differenti ħalli s-suċċess li kiseb pajjiżna matul l-aħħar snin jerġa’ jirrepeti ruħu b’mod akbar għas-snin li ġejjin. 


Is-Suq tax-Xogħol - Ħarsa Lura u It-Triq 'il Quddiem


Ritratti: DOI/MFE​