STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR211009, Press Release Issue Date: May 27, 2021
 

Il-Ministru Caruana jilqa’ l-progress innutat fir-rapport maħruġ tal-Moneyval – Tkompli l-ħidma fuq il-proċess tal-FATF
 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rapport maħruġ iktar kmieni llum mill-kumitat ta’ esperti kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, il-Moneyval, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li r-riformi li daħħal dan il-Gvern fl-aħħar xhur, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, kienu sodisfaċenti biżżejjed sabiex pajjiżna jgħaddi minn dan it-test.  
 
Il-Ministru Caruana qal li pajjiżna ħa din l-isfida b’serjetà kbira. Matul dawn l-aħħar xhur l-impenn li kien qed isir fuq dan il-qasam fid-diversi livelli tal-gvern kien wieħed straordinarju.


 pr211009a.png


Pajjiżna kellu disa’ oqsma li fihom ma kienx qed jilħaq il-livelli rikjesti. Illum, f’dan ir-rapport ħareġ li pajjiżna ssodisfa l-kriterji kollha meħtieġa u għadda minn dawn l-oqsma kollha. Ma kienx hemm qasam wieħed illi minnu fallejna.
 
Il-Ministru Caruana qal li permezz ta’ din il-ħidma il-Gvern ħadem bis-sħiħ favur l-interess tal-pajjiż. Ħidma li tiggarantixxi l-istabilità fil-qasam finanzjaru u dak regolatorju għaliex dan kollu jwassal sabiex dawn is-setturi jibqgħu għaddejjin, li fl-aħħar mill-aħħar jiggarantixxu l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Wara kollox, din il-ħidma tiggarantixxi wkoll li l-livell ta’ governanza ta’ pajjiżna hija daqs dik ta’ pajjiżi oħra.
 

pr211009b.png


Il-Gvern se jibqa’ impenjat bis-sħiħ sabiex dan ix-xogħol kollu li sar b’tant sagrifiċċju mhux talli ma jinħallx iżda jkompli jinbena iktar xogħol fuqu. 
 
Dwar dak li għandu x’jaqsam ma ‘Grey listing’, il-Ministru qal li din hija kompetenza tal-Financial Action Task Force, magħruf aħjar bħala FATF, u dak il-proċess għadu għaddej. Minkejja li r-rapport maħruġ illum huwa pass importanti u pożittiv, fadal ħafa iżjed xogħol xi jsir. 


pr211009c.png 
 
 
Il-Ministru Caruana qal, “Pajjiżna ħadem bis-sħiħ biex kiseb mill-ġdid il-fiduċja tal-Kummissjoni Ewropea, l-istati Membri u diversi stati oħra. Dan ix-xogħol kollu li għamilna beħsiebna nippreservawh. Dak li ksibna llum se nkunu qed insaħħuħ fil-ġimgħat, fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Dan il-pajjiż ħa impenn sħiħ f’dan il-qasam u se nistenna li ħaddieħor jagħraf li pajjiżna qed jagħmel sforz kbir sabiex ikompli miexi ’l quddiem.”