STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR211145, Press Release Issue Date: Jun 15, 2021
 

Gvern għan-Nies: Investiment ta’ €2.75 miljun bħala għajnuna biex studenti jkollhom opportunitajiet għall-apprendistat


Dan il-gvern jemmen bis-sħiħ li biex l-ekonomija tkompli tikber f’xenarju ta’ wara l-pandemija, il-kumpaniji jridu jkomplu jinvestu fl-apprendistat biex ikollna impjegati futuri li jkunu kwalifikati u mħarrġa tajjeb. L-apprendistat huwa meqjus mill-gvern bħala importanti ferm għaliex dan jgħin biex dak li l-istudent ikun stinka u ħadem għalih waqt l-istudju tiegħu, japplikah fil-prattika. Għalhekk ikollu tranżizzjoni tajba mill-bank tal-iskola għall-post tax-xogħol. 
 
Għal dan il-għan, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni,  qed jallokaw baġit ta’ €750,000 għal din is-sena u €2 miljun għas-sena 2022 bħala appoġġ għall-apprendistat permezz tal-MCAST.
 
“Għalhekk, illum qed inniedu dan il-pjan ta’ għajnuna li jlaħħaq €2.75 miljun, li huwa indirizzat għall-industrija biex ninkoraġġixxu li dawn jagħtu opportunitajiet ta’ apprendistat lill-istudenti wara dan iż-żmien ta’ sfidi li kellna minħabba l-pandemija”, spjegat il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.
 
Il-Ministru Justyne Caruana qalet ukoll li dan juri l-impenn tal-gvern b’risq l-apprendistat b’investiment massiċ ta’ kważi €3 miljun li se jmorru biex ngħinu lil dawk li jħaddmu ħalli jimpjegaw lill-istudenti tagħna għall-apprendistat. Il-ministru qalet li dan il-gvern jemmen bis-sħiħ fl-aqwa riżors li għandu, ir-riżors uman, u għalhekk qed ikompli jinvesti fih u fil-futur ta’ pajjiżna.


pr211145a.png

 
“Dan l-investiment m’huwiex biss fl-istudent”, kompliet il-Ministru Justyne Caruana, “imma qed ninvestu wkoll fis-settur privat għaliex nemmnu li s-settur privat, meta jimpjega lill-apprendisti, jkun qed joffri wkoll opportunità ta’ impjieg u dan huwa l-bażi u l-qofol tal-ħidma tagħna bħala gvern. Dik li jkollna edukazzjoni b’saħħitha, settur tax-xogħol b’saħħtu, u għalhekk ekonomija ta’ pajjiżna li tkun b’saħħitha”.
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li din l-għajnuna li se tingħata lis-settur privat hija importanti ferm sabiex id-differenza li hemm bejn id-domanda u l-provvista ta’ studenti li qed tiġi esperjenzata bħalissa minħabba l-pandemija tiġi indirizzata. “Dan l-inċentiv finanzjarju qed nagħtuh sabiex inkomplu nagħmlu l-kuraġġ lill-industrija ħalli tkompli tinvesti fit-talent Malti.”
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li l-irkupru ekonomiku u t-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna jiddependu fuq is-suq tax-xogħol. Pajjiżna se jkun kapaċi jindirizza t-tkabbir ekonomiku, li se jkun fost l-aqwa fl-Ewropa għas-sena 2022, għaliex matul l-aħħar xhur, dan il-gvern żamm is-suq tax-xogħol b’saħħtu. 
 
Huwa spjega wkoll kif matul l-aħħar tmien snin, il-finanzi ta’ pajjiżna ssaħħu għaliex ġie msaħħaħ is-suq tax-xogħol. Għalhekk, permezz ta’ skemi bħal dawn, ladarba studenti Maltin ikunu qed jistudjaw u eventwalment isibu ruħhom fuq il-post tax-xogħol, l-attività ekonomika li se jkunu qed jiġġeneraw se tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ pajjiżna. 


pr211145b.png

 
Il-Ministru Clyde Caruana kompla jgħid li grazzi għall-ħidma li qed issir fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, pajjiżna jista’ ikollu r-riżors uman li tant huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun b’saħħitha biex dan il-gvern ikompli jassigura l-aħjar għajxien għall-familji Maltin u Għawdxin.
 
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal li,  “Dan huwa impenn straordinarju bħala appoġġ għall-apprendistat. Il-prattika fuq il-post tax-xogħol għall-istudenti hija l-qofol ta’ dak li l-MCAST jemmen fih. Huwa kruċjali li niżguraw li l-istudenti jkollhom esperjenza hands-on li hija parti siewja mit-tagħlim li huma jieħdu. Bħala Kulleġġ, se nkomplu naħdmu biex insaħħu l-lista ta’ sħab tagħna fl-industrija, li llum tlaħħaq madwar 1,463 kumpanija. Bħalissa għandna 1,675 student li huma ngaġġati bħala apprendisti, u se nkomplu naħdmu biex niżguraw li aktar studenti jibbenefikaw mill-apprendistat.”