STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR211261, Press Release Issue Date: Jul 02, 2021
 

Aktar inċentivi sabiex jgħinu persuni jsiru sidien ta’ djarhom


Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol iħabbar li b’effett mill-Ġimgħa, 2 ta’ Lulju 2021, il-liġi dwar l-eżenzjoni mit-Taxxa tal-Boll għall-First Time Buyers se tiġi emedata sabiex jibbenefikaw ukoll dawk il-persuni li huma sidien ta’ garage ta’ mhux iktar minn tletin metru kwadru u se jixtru l-ewwel proprjetà residenzjali tagħhom. 

Din l-emenda kienet parti mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika mħabbar mill-gvern f’Ġunju tal-2020, għaldaqstant dawk il-persuni kollha li kienu eliġibbli għal din l-iskema mid-9 ta’ Ġunju 2020 sal-lum se jkunu intitolati għal rifużjoni mit-Taxxa tal-Boll skont kif kienu eliġibbli dakinhar tal-kuntratt.

Barra minn hekk, b’mod immedjat, dawk l-individwi kollha li se jixtru l-ewwel proprjetà residenzjali tagħhom se jkunu eliġibbli għall-iskema tal-First Time Buyers anke jekk dawn huma sidien ta’ garage ta’ mhux iktar minn tletin metru kwadru.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li, “Din hija wegħda oħra ta’ dan il-gvern maħsuba sabiex tkompli tgħin koppji u individwi li qegħdin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Matul dawn l-aħħar seba’ snin, madwar 25,000 persuna bbenefikaw mill-iskema tal-First Time buyers, filwaqt li madwar 1,000 persuna oħra bbenefikaw mill-iskema tas-Second Time Buyers. Sa issa, din l-iskema ħalliet madwar €75 miljun fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.” 

Dawk l-individwi kollha li huma intitolati għal rifużjoni huma mitluba jibgħatu email lid-Dipartiment tat-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti fuq capitaltrasfers.cfr@gov.mt​ jew iċemplu fuq 22998110.