STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR211674, Press Release Issue Date: Sep 14, 2021
 

 
X’Pajjiż Tixtieq Tħalli lil Uliedek? Tnedija tad-dokument u t-tema ta’ Konsultazzjoni ta’ qabel il-Baġit 2022
 
 
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana nieda d-dokument ta’ qabel il-Baġit flimkien mat-tema tal-konsultazzjoni għall-Bagit għas-sena 2022, li ddur mal-mistoqsija “X’Pajjiż Tixtieq Tħalli lil Uliedek?” Din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ attivitajiet li se jkunu miftuħa għall-pubbliku bħala parti mill-konsultazzjoni għall-Baġit 2022. 
 
“Il-Baġit għas-sena 2022 se jkompli jibni fuq dak li ksibna u nwittu t-triq mill-ġdid biex nerġgħu nsaħħu l-finanzi tal-pajjiż sabiex il-pajjiż, kif kien b’saħħtu qabel il-pandemija, jerga’ jkun f’pożizzjoni li jista’ jilqa’ u jiflaħ għall-isfida li jmiss,” stqarr il-Ministru Caruana. “Dan mingħajr ma nżidu ebda taxxa żejda, u bi prijoritatjiet li jirriflettu l-aspettattivi tan-nies.”
 

pr211674a.png


Id-dokument jiddeskrivi l-isfond ekonomiku li jinsab fih pajjiżna, wara sentejn ta’ sfida b’dak kollu li ġabet magħha l-pandemija, u sfidi kbar ’il quddiem. L-ispiża tal-pandemija sal-aħħar ta’ din is-sena se tkun fil-fatt laħqet il-€1.5 biljun. Il-Ministru Caruana stqarr kif din in-nefqa kienet kruċjali biex tħares il-ħajjiet u l-għajxien tan-nies. 
 
Waqt li żdiedet fin-nefqa tal-Gvern f’għajnuna u skemi, li waslet għal deficit ogħla mis-snin ta’ qabel, id-dejn bħala proporzjon mal-Prodott Domestiku Gross jikkumpara tajjeb meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Minkejja l-impatt tal-pandemija fuq pajjiżna, it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku għas-sena d-dieħla jaqbeż il-medja Ewropea, b’rata ta’ 6.8%. Pajjiżna rreġistra wkoll l-ikbar żieda ta’ impjiegi fost il-membri tal-UE, b’livell ta’ qgħad fost l-inqas fl-UE, u bl-inqas numru ta’ nies jirreġistraw għall-benefiċċji soċjali fl-istorja.


pr211674b.png

 
Il-Gvern jgħaraf li l-bżonnijiet u l-aspettattivi tan-nies dwar il-Baġit imorru lil hinn minn biss taxxi u dħul, iżda jinkludu dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-ħajja u ambjent aħjar. Il-baġits tas-snin li ġejjin se jikkunsidraw dawn it-temi fost il-pilastri tagħhom, b’kull miżura b’viżjoni warajha bi sforz biex tinbidel il-kultura. 
 
Il-Baġit se jkollu miri għall-impatt soċjali fuq dawk l-iktar vulnerabbli, bl-għan li jkompli jnaqqas in-numru ta’ nies fil-periklu tal-faqar, b’mod partikolari l-pensjonanti. Il-piż tal-pensjonijiet qed jersaq lejn il-biljun ewro; minkejja dan prevvist li l-pensjonijijet se jiżdiedu għal darb’oħra. Is-saħħa tibqa’ waħda mill-ikbar spejjeż fin-nefqa annwali tal-Gvern, u kien mħabbar li n-numru ta’ mediċini ġodda mal-formularju tal-Gvern se jkomplu jiżdiedu. 
 

pr211674c.png


Il-Ministru Caruana stqar li l-għan wara kull Baġit mhuwiex it-tkabbir ekonomiku, iżda l-iżvilupp ekonomiku, li jinkorpora kwalità tal-ħajja aħjar, qasam soċjali aħjar, u ambjent aħjar għall-pajjiż kollu. Qal ukoll kif il-Baġit se jkun wieħed pożittiv. 
 
“Dan il-pajjiż tana ħafna. Huwa d-dover tagħna li nagħtu kemm nifilħu lura għal għada, għal pitgħada u għal uliedna.”


pr211674d.png

 
Fil-ġimgħat li ġejjin se jinżammu diversi laqgħat pubbliċi fejn il-Gvern qed jistieden liċ-ċittadini sabiex iressqu l-ilmenti u s-suġġerimenti bħala parti mill-konsultazzjoni għall-Baġit li jmiss. L-ewwel laqgħa se ssir il-Ħamis 16 ta’ Settembru f’Ħaż-Żabbar.


Link bil-kumment tal-Ministru Caruana: https://we.tl/t-ztlvaT9g6t​