STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR211697, Press Release Issue Date: Sep 17, 2021
 

Ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa għal kull min jaħdem


Kif imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika f’Ħaż-Żabbar, għar-raba’ sena konsekuttiva l-gvern se jkun qed jagħti ċekk lil kull min jaħdem, kemm fuq bażi full-time kif ukoll lil dawk li jaħdmu fuq bażi part-time. 

Din hija waħda mill-miżuri li dan il-gvern kien ħabbar biex inaqqas il-piż tat-taxxa fuq id-dħul biex jippremja lil min jaħdem. 

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li, “Din is-sena qed nagħtu l-ogħla ammonti li qatt tajna lura lin-nies permezz ta’ din il-miżura. Din mhix għotja iżda ġest ta’ apprezzament mill-gvern lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha li permezz tax-xogħol tagħhom ikkontribwew biex pajjiżna jkompli jissaħħaħ. Fil-baġit li ġej kif ukoll f’dawk ta’ wara, din il-miżura se tiġi sostnuta sabiex il-gvern ikompli jippremja l-bżulija”.

L-ammont ta’ kull ċekk se jvarja minn €45 sa massimu ta’ €95, skont id-dħul gross mix-xogħol tal-individwu. Min jaqla’ l-inqas ser ikun qed jirċievi l-akbar ammont. Se jkunu qed jibbenefikaw ukoll dawk il-persuni li jaħdmu iżda ma jħallsux taxxa.

Din il-miżura se jibbenefikaw minnha mal-250,000 ħaddiem u se tiġi tiswa’ lill-gvern iktar minn €17-il miljun. Dan ifisser li f’erba’ snin, b’din il-miżura biss, il-gvern se jkun ta lura madwar €53 miljun fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.

Iċ-ċekkijiet se jibdew jintbagħtu bil-posta mil-lum, 17 ta’ Settembru 2021.  

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq Freephone 153.