STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-IPPJANAR

Reference Number: PR212124, Press Release Issue Date: Nov 26, 2021
 

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia taw dettalji dwar il-miżura mħabbra fil-Budget li tipprovdi inċentivi fiskali għar-riġenerazzjoni ta’ propjetajiet vakanti, propjetajiet li jinsabu f’żoni urbani, u l-bini ta’ proprjetà ġdida li taqa’ taħt il-linji gwida tal-estetika. 

Il-Ministru Clyde Caruana qal, “Din mhix biss skema biex inħallu xi ħaġa iktar f’idejn il-poplu meta jkunu qed isiru t-transazzjonijiet tal-proprjetà, iżda huwa pjan fejn permezz tas-sistema fiskali rridu nagħtu sinjal ċar li l-estetika tal-bini f’pajjiżna, dak li huwa uniku għal pajjiżna, naraw kif se nħarsuh. Dan huwa l-ewwel pass minn ħafna fejn dan il-Gvern se jkun qed jagħti sinjal li l-propjetà f’pajjiżna għandha spazju fl-ekonomija, iżda trid tkun propjetà b’estetika u bi sbuħija għaliex fl-aħħar minn l-aħħar dan huwa wkoll parti mill-ambjent ta’ pajjiżna.” 

Il-Ministru Caruana spjega kif għal dawk il-persuni li se jixtru jew ibiegħu proprjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn għoxrin sena u huma vakanti għal aktar minn seba’ snin u propjetajiet li jinsabu f’żoni urbani, se jibbenefikaw minn eżenzjoni mix-taxxa fuq il-bejgħ tal-propjetà (Capital Gains Tax) u t-taxxa tal-Boll (Stamp Duty) b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-propjetà.


pr212124a.png


Dawk kollha li se jixtru proprjetajiet ġodda li jinbnew b’konformità mal-linji gwida stabbiliti u approvati mill-bord maħtur mill-Ministeru għall-Finanizi u x-Xogħol, se jkunu qed jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni tat-Taxxa tal-Boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-propjetà. 

Barra minn hekk, għal dawk il-pesuni li huma first-time buyers u se jixtru waħda minn dawn il-proprjetajiet, se jirċievu għotja ta’ €15,000 jekk din it-tip ta’ proprjetà tinxtara f’Malta u €30,000 f’Għawdex.

Il-Ministru Caruana spjega wkoll kif dawk kollha li se jixtru jew diġà għandhom waħda minn dawn il-proprjetajiet u se jkunu qed jagħmlu xogħol ta’ restawr jew irfinar, se jingħataw ukoll għotja tal-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 fuq l-ewwel €300,000 tal-ispejjeż.  

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Aaron Farrugia qal, “Dawn l-inċentivi fiskali u monetarji li qed nagħtu huma parti mill-pjan tagħna favur ippjanar intelliġenti. Il-prosperità ekonomika li kellna fl-aħħar snin ġabet magħha bosta sfidi, fosthom permezz ta’ aktar bini ġdid f’żoni stipolati mill-pjanijiet lokali tal-2006. Dawn l-inċentivi fiskali se jkunu qed jgħinu ukoll lil bosta jixtru u jibnu proprjetajiet li għandhom disinn arkitettoniku Malti u ngħinu x-xiri f’żoni fil-qalba tal-irħula Maltin kif ukoll binjiet vakanti. Issa se nimxu għal pass li jmiss billi niffinalizzaw politika ġdida dwar l-estetika u studju dwar l-inċentivi bżonjużi għall-bini komprensiv.”


pr212124b.png


L-applikazzjonijiet għall-għotja lill-first-time buyers u l-għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas se jkunu online f’Diċembru. 

Għal aktar informazzjoni fuq dawn l-iskemi, wieħed għandu jżur is-sit https://finanzi.gov.mt/linjigwida​.