STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR220092, Press Release Issue Date: Jan 24, 2022
 
Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri mħabbra fil-Budget 2022
 
’Il fuq minn €56 miljun f’żidiet lill-pensjonanti, lill-ħaddiema u lill-istudenti

 
95,000 pensjonant, 53,000 ħaddiem u 15,000 student bejniethom bdew igawdu minn żieda ta’ iktar minn €56 miljun f’miżuri mħabbra fil-Budget 2022, qal il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ta ħarsa lejn il-miżuri tal-budget li daħlu fis-seħħ mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena.
 
Il-Ministru Caruana qal li, “Dawn iż-żidiet, li jammontaw għal xejn inqas minn €56 miljun, se jkunu qed imorru dirett fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin. L-għaqal fit-tmexxija ta’ dan il-gvern wassal sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkompli tikber u tkun sostnuta waqt ix-xhur tal-pandemija. Il-gvern irnexxielu jżomm l-istruttura tal-ekonomija tkompli għaddejja u b’hekk konna f’pożizzjoni li għal din is-sena nqassmu dawn iż-żidiet. Inħares ’il quddiem sabiex permezz tal-miżuri li qed indaħħlu fis-seħħ, l-ekonomija Maltija tibqa’ fuq sisien sodi biex dak li għamilna din is-sena ma jkunx ta’ darba iżda jiġi repetut f’kull budget”. 
 
Il-Ministru Caruana spjega li dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu sigħat ta’ overtime, li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix l-€20,000 fis-sena u li m’għandhomx pożizzjoni maniġerjali, bdew jiġu ntaxxati b’rata ta’ 15%  fuq l-ewwel €10,000 tad-dħul tagħhom mill-overtime. Din il-miżura qed igawdu minnha ’l fuq minn 30,000 ħaddiem u se tħalli madwar €6 miljun fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin. 


Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri mħabbra fil-Budget 2022 
 

Barra minn hekk, dawk il-ħaddiema kollha, li jinkludu anke self-employed, li jaħdmu impjieg part-time, bdew jiġu ntaxxati b’rata fuq id-dħul ta’ 10% minflok 15%. B’din il-miżura, il-gvern se jkun qed jagħti lura lill-ħaddiema €5 miljun fi tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul. Madwar 23,000 ħaddiem qed jibbenefikaw minn din il-miżura. 
 
Il-Ministru Caruana spjega wkoll li dawk il-ġenturi li jaħdmu, li għandhom tfal taħt it-23 sena u li jibbenefikaw mill-In-Work Benefit, bdew igawdu wkoll minn titjib f’din l-iskema.
                • ​​​Koppji li jaħdmu t-tnejn, il-limitu tad-dħul tela’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena
              • Koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tad-dħul tela’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena 
              • Ġenituri waħidhom li jaħdmu, il-limitu tad-dħul tela’ minn €23,000 għal €35,000. 

Ir-rati minimi l-ġodda għal madwar 7,000 familja li se jibdew jibbenefikaw mit-twessigħ tal-limiti ta’ din l-iskema huwa ta’ €200 fis-sena, filwaqt li r-rati kollha li kienu eżistenti żdiedu b’€100 fis-sena għal kull wild. B’hekk il-gvern se jkun qed jagħti €2 miljun f’żieda lil dawn il-familji għal nefqa totali ta’ €12.5 miljun fis-sena.
 

Jidħlu fis-seħħ sensiela ta’ miżuri mħabbra fil-Budget 2022


Mill-ewwel ta’ Jannar ukoll, il-pensjonanti kollha li jirċievu pensjoni tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u pensjoni mhux kontributorja tal-età, bdew jibbenefikaw minn żieda ta’ €24 miljun. Barra minn hekk, bdiet tingħata wkoll żieda lil dawk kollha li jirċievu l-għajnuna supplimentari u l-pensjoni tas-servizz, filwaqt li r-romol se jsirilhom aġġustament tal-pensjoni b’mod gradwali. Il-bonus għall-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti se jibda jingħata sħiħ ukoll għal dawk kollha li rtiraw wara l-2008. B’hekk, iż-żieda totali fuq dawn il-miżuri lill-pensjonanti taqbeż it-€38 miljun.   
 
Il-Ministru Caruana spjega wkoll li mill-bidu tas-sena, madwar 15,000 student bdew jibbenefikaw minn żieda ta’ 10% fl-istipendju tagħhom. Barra minn hekk, l-istipendju se jibqa’ jingħata wkoll lil dawk l-istudenti li jaħdmu sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa. B’hekk il-gvern se jkun qed jagħti lill-istudenti żieda totali ta’ €5 miljun.