STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL

Reference Number: PR220356, Press Release Issue Date: Mar 14, 2022
 

Jibdew jaslu għand il-familji ċ-ċekk addizzjonali u ċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa

“Mil-lum 14 ta’ Marzu sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-ħaddiema, il-pensjonanti, l-istudenti u dawk il-persuni fuq benefiċċji soċjali se jibdew jirċievu fi djarhom iċ-ċekkijiet li flimkien mal-Prim Ministru ħabbarna sabiex inkomplu nippremjaw il-bżulija u nistimulaw l-ekonomija ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħaż-Żabbar. 
 
Il-Ministru Caruana qal, “Jekk tinħass il-ħtieġa iktar tard matul din is-sena, il-gvern ma jeskludix li jerġa’ jintervjeni. Qed insegwu mill-qrib dak li qed jiġri ta’ kuljum fis-swieq internazzjonali speċjalment iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, tal-qamħ, taċ-ċereali u ta’ prodotti oħra essenzjali. Bla dubju dan kollu ser ikollu impatt fuq pajjiżna iżda dan il-gvern huwa viċin il-poplu u jekk tinħass il-ħtieġa, se nkomplu ngħinu lin-nies”.
 
Il-Ministru Caruana qal li bħalma l-gvern ipproteġa l-ekonomija u lill-familji Maltin u Għawdxin matul sentejn ta’ pandemija, bl-istess mod se jkompli jipproteġi lin-nies mill-impatt li se tħalli l-gwerra. Il-finanzi ta’ pajjiżna huma b’saħħithom u għaldaqstant il-gvern se jibqa’ jsostni liċ-ċittadini tiegħu fejn hemm bżonn.  


pr220356a.png
 

Il-ministru spjega li permezz taċ-ċekk addizzjonali, il-pensjonanti u dawk il-persuni fuq benefiċċji soċjali se jirċievu ċekk ta’ €200, filwaqt li l-ħaddiema u dawk l-istudenti kollha li jirċievu l-istipendju se jirċievu ċekk ta’ €100. B’kollox, dan iċ-ċekk waħdu se jkun qed iħalli €48 miljun fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin u minnu se jgawdu 361,000 persuna. 
 
Barra minn hekk, madwar 250,000 ħaddiem bdew jirċievu ċekk ieħor - iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa. Dawn iċ-ċekkijiet se jkunu b’ammonti ogħla mis-snin ta’ qabel kif ġie mħabbar fil-Budget f’Ottubru li għadda. L-ogħla ammont ta’ dawn iċ-ċekkijiet se jkun €140 filwaqt li l-inqas ammont se jkun ta’ €60, bl-ogħla ammonti jingħataw lil dawk li jaqilgħu l-inqas. Dan mhux ċekk li jirrifondi taxxa mħallsa żejda, iżda huwa inċentiv fiskali li jippremja l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Din il-miżura waħedha tħalli fil-bwiet tal-ħaddiema €25.5 miljun. 
 
B’hekk, dawn iż-żewġ miżuri flimkien se jħallu ’l fuq minn €70 miljun oħra fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin. 
 
Għal aktar informazzjoni fuq dawn il-miżuri wieħed għandu jċempel freephone 153.
 

Ritratt (MFE)