STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U X-XOGĦOL U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI

Reference Number: PR221138, Press Release Issue Date: Sep 06, 2022
 
 
Laqgħa ta’ konsultazzjoni bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali dwar il-Budget 2023

Bi tħejjija għall-Budget 2023, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul iltaqgħu mal-imsieħba soċjali li min-naħa tagħhom ippreżentaw il-ħsibijiet u l-proposti tagħhom lill-gvern għas-sena li ġejja.

Waqt il-preżentazzjoni tagħhom, l-imsieħba soċjali b’mod oġġettiv poġġew għad-diskussjoni l-prijoritajiet tal-industrija, tal-unions, u tas-soċjetà ċivili.

  

Il-Ministru Clyde Caruana spjega li l-pandemija tal-COVID-19 u sussegwentament il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna wasslu għal xokk ekonomiku kbir fuq id-dinja, speċjalment il-kontinent Ewropew. Huwa qal li, “Filwaqt li l-pajjiżi Ewropej imtlew bid-dejn, b’figuri li anke jaqbżu l-mija fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross tagħhom, f’pajjiżna din il-figura għadha taħt is-sittin fil-mija. Minkejja l-għajnuna kollha li ta u għadu qed jagħti dan il-gvern, il-finanzi ta’ pajjiżna għadhom b’saħħithom u jifilħu għall-isfidi li għandna quddiemna.” 

Il-Ministru Caruana qal li l-gvern qed jara li d-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna jinżamm f’dawn il-livelli anke fix-xhur li ġejjin. Huwa spjega li minkejja dan, il-budget li ġej ser jerġa’ jkun budget ieħor mingħajr taxxi jew piżijiet ġodda. Dan jagħti serħan il-moħħ kemm liċ-ċittadini kif ukoll fuq lill-komunità kummerċjali ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, il-budget li ġej ser jerġa’ jkun budget ieħor soċjali sabiex f’dawn iż-żminijiet diffiċli ħadd ma jaqa’ lura.  

Rigward l-isfidi fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Ministru Caruana qal li dan il-gvern qed jimxi b’għaqal u ċ-ċertezza li qed jagħti f’dan il-qasam se tibqa’ hemm fix-xhur li ġejjin. Huwa qal li fi żmien il-pandemija, permezz tal-għajnuna li ta l-gvern – speċjalment il-COVID Wage Supplement – pajjiżna kien dak bl-iktar suq tax-xogħol b’saħħtu fost il-pajjiżi kollha Ewropej. Bl-istess mod, waqt dan il-perjodu ta’ sfida, fil-prezzijiet tal-enerġija l-gvern se jibqa’ jgħin u jieħu deċiżjonijiet fl-aqwa interess taċ-ċittadini u tal-pajjiż.

 
 
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li minkejja li bħalissa d-dinja hija għaddejja minn diversi sfidi, il-gvern ser jibqa’ jgħin permezz ta’ diversi miżuri sabiex inkomplu niggarantixxu l-impjiegi għall-Maltin u l-Għawdxin. Huwa saħaq li “Irridu nibqgħu nkomplu nimirħu f’niċeċ ġodda bħalma diġà qed nagħmlu fit-turiżmu, fl-industrija tal-films, u fl-avjazzjoni, fost l-oħrajn, biex inkomplu nkabbru l-ekonomija Maltija.” 

Is-segretarju parlamentari saħaq li laqgħa bħal dik tal-lum hija importanti għaliex għalkemm l-imsieħba soċjali qed iwasslu l-proposti settorjali taghħom, fl-aħħar mill-aħħar is-soċjetà ser tkun qed tibbenefika minnhom b’mod ħolistiku. F’dan ir-rigward, huwa qal li fix-xhur li ġejjin ser tiskatta diskussjoni mal-imsieħba soċjali sabiex tigi mwettqa wegħda elettorali oħra, dik li l-MCESD jinbidel f’awtorità u b’hekk ikompli jissaħħaħ.

 
Ritratti: MFE/OPM_PS