Mil-lum,
l-Erbgħa 21 ta’ Diċembru, madwar 25,000 ħaddiem tal-privat bdew jirċievu
bil-posta d-dar benefiċċju ġdid ta’ €150. Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi
u x-Xogħol Clyde Caruana waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżura
tal-Budget li minnha jibbenefikaw ħaddiema u self-employed fis-settur privat li
jaħdmu bix-xift, fi tmiem il-ġimgħa jew wara s-sitta ta’ filgħaxija.
Din il-miżura
se tħalli madwar €4 miljun oħra fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru
Caruana qal li din il-miżura kienet imressqa mir-rappreżentanti ta’ min iħaddem
meta ġiet imfassla l-Politika Nazzjonali tas-Suq tax-Xogħol fl-2021. Dan huwa
inċentiv finanzjarju li jgħin sabiex ikompli jinċentiva ħaddiema li jaħdmu
f’dawn is-setturi, filwaqt li jħeġġeġ oħrajn iħarsu lejn dawn is-setturi.

“Din hija
miżura oħra minn sensiela ta’ miżuri li jippremjaw il-bżulija tal-ħaddiema
Maltin u Għawdxin. Matul din is-sena biss, bħala Gvern tajna ‘l fuq minn €50
miljun f’miżuri lill-ħaddiema,” tenna l-Ministru Caruana. Fost l-oħrajn, huwa
semma’ t-traħħis tat-taxxa fuq l-overtime u l-part-time – żewġ miżuri li ħallew
madwar €11-il miljun fil-bwiet tal-ħaddiema, il-miżura tat-Tax Refund b’nefqa
ta’ madwar €26 miljun u l-miżura tal-In-Work Benefit b’nefqa ta’ €12.5 miljun.
Il-ministru
spjega li dan il-benefiċċju ġdid se jibda jingħata kull sena u minnu se
jibbenefikaw kemm il-ħaddiema li jaħdmu fuq bażi full-time u kif ukoll dawk
il-ħaddiema li l-impjieg part-time tagħhom huwa l-impjieg primarju.
Is-setturi
eliġibbli f’din l-iskema huma l-Akkomodazzjoni u s-Servizzi tal-Ikel;
is-Servizzi Amministrattivi u ta’ Sapport; il-Manifattura; it-Trasport u
l-Ħażna; u l-Bejgħ bl-Ingrossa u bl-Imnut.
Il-benefiċjarji
jridu jkunu ilhom jaħdmu mal-istess intrapriża minn tal-inqas sitt xhur u
l-paga bażika tagħhom ma qabżitx l-€20,000 matul is-sena 2021.
Dawk
il-ħaddiema kollha li jaħsbu li huma ntitolati għal dan il-benefiċċju iżda ma
rċivewhx, huma mħeġġa jċemplu l-freephone 153 min-nhar it-Tnejn 26 ta’ Diċembru
2022. Jekk dawk l-individwi jinstab li jkollhom xi dokumenti jew dettalji
nieqsa u eventwalment jiġu kkorreġuti, se jirċievu din l-għotja lejn l-aħħar
ta’ Marzu tal-2023.